Skip to content
Artwork for Aphroconfuso
ArtsBooksExplicit

Aphroconfuso

Aphroconfuso

Aphroconfuso huwa ġurnal letterarju u dar tal-pubblikazzjoni bil-Malti, immexxija mill-awturi bla skop ta’ qligħ. Il-ġurnal huwa bla ħlas. Kull sena nipproduċu wkoll antoloġija stampata u kotba oħra li jitwieldu minn relaz­zjonijiet fit-tul mal-kittieba.

Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

Play
  • 28 episodes
  • Avg 37 min
  • Maltese
Counted on this page — what you have heard stays on this device, so it is not something the list can be paged by.
  • S1 · E87
    Tuesday · 43 min

    Noti Editorjali: Noah Fabri

    « Naħseb l-ikel dejjem ħa jkun importanti f’ħajti u dejjem jibqa’ xi ħaġa essenzjali fil-ħsieb tiegħi jew fil-prattika tiegħi għax iżommli saqajja mal-art. U fl-ikel hemm il-kwistjonijiet kollha politiċi li jinteressawni: tal-ġisem, tal-ġeneru, ta’ kif jiżvolġu dawn in-networks tal-kolonjaliżmu, l-ekonomija, il-kapitaliżmu. Fl-ikel hemm kollox. Jiġifieri naħseb li dejjem, b’xi mod jew ieħor, ħa jkun hemm lenti tax-xogħol tiegħi li ħa tħares lejn l-ikel. Bħalissa qed naħseb fuq xi proġetti wkoll li jinvolvu b’mod aktar dirett l-ikel, l-idea ta’ tip ta’ performances li kont qed nagħmel kull darba li Bobb isaqsini. Qishom bdew ġejjin dawn l-ideat fuq dan il-proġett dwar l-ikel, u jkun sabiħ niżviluppawhom b’xi mod daqsxejn aktar teatrali, b’mod daqsxejn aktar meħjut bil-lenti tal-performance. Insalata kienet pjuttost diskursata, essenzjalment kienet diskursata u jiena qed nagħmel insalata fl-istess ħin. Naħseb jekk indaħħlu element aktar performattiv, aktar teatrali fiha, hemm possibbiltà pjuttost qawwija. Insalata kienet interessanti għax speċi kienet jien nitkellem b’mod relattivament teoretiku fuq l-ikel u fuq dawn l-affarijiet, dawn l-ideat li jeċitawni ħafna. Kont qed nikkwota l-awturi, jiġifieri kienet relattivament teoretika. Imma meta kont nasal fuq il-biċċa personali, li għalija kienet teżisti fuq l-istess skala tat-teorija, wara ġew ħafna nies fuqi jgħiduli grazzi talli qsamtha magħna. Veru ħassejtni emozzjonata. Jien lanqas kont ħsibt fil-possibbiltà li din tkun biċċa xogħol li temozzjona lin-nies. Issa din mhix xi ħaġa li tista’ tagħmilha b’mod intenzjonali, li speċi tasal għaliha bi żball. Jien dejjem emmint li, biex taffettwa l-moħħ imma wkoll speċjalment il-qalb ta’ udjenza u vera tgħinhom jidħlu f’xi ħaġa, trid tagħmilha kważi bi żball u bl-aktar mod kwiet u understated possibbli... Il-mużika tiġi minn xi mkien ieħor. Fil-lirika hemm element simili imma peress li issa qed nikteb, u qed niffoka aktar fuq il-kitba (u mhux il-kitba tal-lirika), għadni ma rġajtx sibt vuċi oħra tal-lirika li jien komdu biha. Għax il-lirika li kont qed nieħu gost nikteb kienet vera bbażata fuq il-ħajja ta’ kuljum; jien nosserva xi ħaġa u dak li nikteb ikun direttament importat minn dak li nara fit-triq. Nikteb fuq il-mobile u litteralment dak li nikteb isir il-lirika kważi bla bidla ta’ xejn. Dawn in-noti issa saru noti għal kitbiet oħra jiġifieri għadni ma sibtx eżatt x’inhu t-ton tal-lirika tiegħi u ma nafx fejn ħa jmur u għandi kurżità kbira x’ħa jiġri minnhom. Bħalissa qed naħdem ħafna, qed nagħmel naqra mużika għat-teatru, vera qed nieħu gost. Das-sajf u għas-sena li ġejja ħa nagħmel mużika għal xi xogħlijiet u vera qed nispera li l-ideat li kienu qed iberrnuli f’moħħi jerġgħu jibdew joħorġu. Bħalissa qed nimxi ħafna, immur il-Ħamrun ħafna, u qed nipprova npoġġi f’din l-atmosfera. Nixtieq niftaħ aktar kollaborazzjonijiet. Ovvjament jien ma nista’ nagħmel xejn waħdi— bħalma ħadd ma jista’ jagħmel xejn waħdu—u l-kollaborazzjoni hija element essenzjali għad-dibatti dwar dawk l-ideat li nixtieq niftaħ. Diġà għandi ftit xogħol kollaborattiv mibdi, minn hemm u minn hawn, issa naraw u mbagħad meta jkolli xi ħaġa li tibda teċitani aktar, nibda niftaħha u m’hemmx isbaħ milli tiftaħ ix-xogħol tiegħek għall-vuċi ta’ xi ħaddieħor. Jiġifieri dik ma nixtieqx nitlifha. Ma nistax nitlef ix-xogħol kollaborattiv, jekk hux fil-mużika jew fit-Teatru. » https://aphroconfuso.mt/noah-fabri-poddata-2026-10-20-noti-editorjali-14-noah-fabri/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • S1 · E86
    October 17 · 5 min

    Marta Marta (silta) - Sibt il-Mistrieħ - Loranne Vella

    « Ir-raqda, nhar ta’ Sibt, Dolores tibdieha mal-qawmien, għax nhar ta’ Sibt filgħodu Dolores ma tqumx, la tistenbaħ man-noti tal-qniepen għax il-qniepen ma jdoqqux, la tqum mir-raqda, la tqum mis-sodda, la tinżel isfel għall-fatra. Ma tiltaqa’ la ma’ Concetta, la ma’ Beneditta, la ma’ Marija Assunta, la ma’ Carmelina, la ma’ Marwa, la ma’ Nathaline, la ma’ ħadd minn ġewwa, la ma’ ħadd minn barra. Illum is-Sibt ma tara lil ħadd, la tara lil Damjan u lanqas taħseb fih. Illum la tqum titmattar, la tmur tbaħbaħ wiċċha, la kikkra te u lanqas kafè, la ħobż, la ċikkulatina, la sigarru bil-bokkin u lanqas mingħajru. Nhar ta’ Sibt bilkemm titħarrek mis-sodda, la tiftaħ għajnejha biex tara u lanqas widnejha biex tisma’, la tgħolli l-friex, la tiftaħ il-purtieri beraħ, la tiftaħ bibien ta’ armarji u lanqas kxaxen ta’ gradenzi, la tinża’ ħwejjiġha tas-sodda, la tilbes ilbies, la ħwejjeġ, la kostumi, la xinxilli u lanqas dehbijiet, la tħares fil-mera, la tomxot xagħarha, la tħammar ħaddejha u lanqas xufftejha, la terra, la fwieħa, la krema, la kulur; illum is-Sibt u rtokk ma jmurx. Nhar ta’ Sibt ma taħsibx la dwar ilbieraħ, la dwar għada u inqas u inqas dwar illum għax illum mhi se tagħmel xejn, mhu se jiġri xejn, mhi se tqis, mhi se tfassal, mhi se tqasqas, mhi se ġġarrab xejn. Illum is-Sibt jum il-mistrieħ, mistrieħ il-ġisem, serħan il-moħħ. Illum is-Sibt waħedha ma’ ħsibijietha imma lanqas dawk mhi se jkollha, la se taħseb, la se tħejji, la se thewden, la se toħlom, la se timla moħħha bi ħsieb u lanqas se tbattlu minn ieħor, illum is-Sibt, illum ma tagħmel xejn, ma jiġri xejn. Illum Dolores mhi xejn, la hi bint, la hi oħt, la hi omm, la hi Madre, ma hi xejn għax illum is-Sibt. Nhar ta’ Sibt ma tħabrikx, ma tgħaġġilx, sa tard la torqod u lanqas tqum. La tiekol, la tixrob, illum xejn minn dan. Nhar ta’ Sibt ma jħabbtilha ħadd, jekk iħabbtu ma tiftaħ lil ħadd » Silta minn Marta Marta ta’ Loranne Vella, pubblikazzjoni Aphroconfuso 2026, it-tieni edizzjoni, edizzjoni komunitarja bil-parteċipazzjoni ta’ fatima a.m., Raylene Abdilla u Davinia Hamilton. Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • S1 · E85
    October 15 · 2 min

    Ommi Saret id-Dawl Fiddien - Miriam Galea

    Ommi saret għasfur magħdur bilkemm titrejjaq, tgħid biss ftit kliem wiċċha ċkejken, għajnejn lubien. ... kompli aqra l-poeżija fuq Aphroconfuso: https://aphroconfuso.mt/miriam-galea-ommi-saret-id-dawl-fiddien/ Ommi saret il-qamar (Ma mere est devenue la lune) tagħmel parti minn Għadajjar Għajnejja: Ebbs and Flows, wirja ta’ Miriam Galea fil-Malta Society of Arts bejn it-22 ta’ Ottubru u t-12 ta’ Novembru 2026. Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • S1 · E84
    October 14 · 18 min

    Sal-Għasfur Isib Fejn Jgħammar - Nathan Anthony Pace

    « Imxejna tul il-ġnien infittxu post iżolat. Qalli li nofsu Taljan u iktar ħawwadni, donni kont se nġarrab it-temmija ta’ nofs intimità ma’ Sqalli li r-rabta etimoloġika bejn amuri u amicizzia kien studjaha sew u għamilha l-missjoni ta’ ħajtu li jirxuxtaha, dak li meta tlaqt mid-dar għamel lejl jgħannaqni f’soddtu ta’ ħbieb li konna. Imxejna ftit iktar u nżilt eqreb tas-sur. Iltqajt ma’ post li donnu kien imħejji għalina, santwarju ta’ siġar bil-friegħi mgħaqqdin f’xulxin, żewġ ġebliet f’għamla ta’ taraġ fejn noqogħdu bilqiegħda, il-kamra ta’ ġewwa fejn tinżamm l-arka li mhux kulħadd ipprivileġġjat li jidħol ħdejha, artal li fuqu jinqatel l-ismen ħaruf għall-glorja tal-erotiċità. Mort niċċekkja kinux ġejjin nies u waqafna quddiem xulxin. Qrobna pass u tbewwisna. Minn issa l-verġinità tal-pjaċir, dik il-verġinità li kont għadni ma ħlistx minnha għad li kont tlift lil oħtha iktar inkejjuża, kienet se tintrefa’ fil-passat. » Noti: Hélène Cixous titkellem dwar il-falloċentriżmu f’diversi mill-kitbiet tagħha, partikolarment f’La jeune née, pubblikazzjoni Union Générale d’Editions 1975, disponibbli għas-self mill-Internet Archive. Jien qrajt “La Jeune Née: An Excerpt”, maqlub għall-Ingliż minn Meg Bortin, f’Diacritics, vol. 7, nru 2, 1977. Dwar il-hom(m)osexualité qrajt Ce sexe qui n’en est pas un (Les Éditions de Minuit 1977) ta’ Luce Irigaray fit-traduzzjoni ta’ Catherine Porter u Carolyn Burke, This Sex Which Is Not One, pubblikazzjoni Cornell UP 1985. Ta’ Mario Mieli qrajt Elementi di critica omosessuale (G. Einaudi 1977) fit-traduzzjoni ta’ David Fernbach u Evan Calder Williams, Towards a Gay Communism: Elements of Homosexual Critique, pubblikazzjoni Pluto Press 2018. Il-frażi “Arani għarwien” ħadtha minn “Profetika” u “Natura Morta” ta’ Doreen Micallef f’Doreen Micallef: Il-Poeżiji, editjat minn Victor Fenech, pubblikazzjoni L-Akkademja tal-Malti u Klabb Kotba Maltin, 2015. Għas-sentenza “Nibda naħseb li tarani sabiħ imma / mhux għalkollox” tnebbaħt minn “Il-Kantiku tad-Dipressi” t’Immanuel Mifsud f’Bateau Noir, traduzzjoni għall-Franċiż ta’ Nadia Mifsud, Edizzjonijiet Emmadelezio 2011. Il-frażi “bil-balzmu u l-misk” ħadtha minn “Larinġ biż-Żahar” ta’ Mary Meylak f’Villa Meylak (Ġonna ta’ Kulħadd), pubblikazzjoni ta’ Salesian Press 1947. Għax-xbieha tal-gawwi tnebbaħt minn Marjanu Vella f’poeżiji mifruxin f’bosta kotba maħruġa matul il-karriera letterarja tiegħu. Dan ix-xogħol beda jinkiteb waqt il-workshops tal-kitba tal-esej personali, “Ġisem, Ġrajja, Post”, f’Novembru 2025, immexxija minn Adrian Grima bħala parti mill-proġett Essays Beyond Borders. https://aphroconfuso.mt/nathan-anthony-pace-sal-għasfur-isib-fejn-jgħammar/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • S1 · E83
    October 12 · 46 min

    Noti Editorjali: Kurt Borg

    « Naħseb li din hija tema importanti, hija kważi djalettika jew tensjoni bejn l-individwalità li titlob il-kitba u l-kollettività tal-grupp u tal-attiviżmu. Jien naħseb li hemm tensjoni importanti bejniethom, jiġifieri t-tnejn iżommuni ankrat b’modi varji. Jekk jiena nkun inkwetat dwar l-arroganza tal-ewwel persuna speċi nipprova nserraħ il-kuxjenza u ngħid li l-attiviżmu iktar kollettiv, mhuwiex dwari. Niltaqa’ ma’ nies li jaħdmu verament fi spirtu ta’ kollettività minkejja li kultant il-midja, il-ġurnaliżmu, jiffukaw fuq individwu partikolari għax għandhom bżonnu għall-istorja. Imma fil-verità l-attiviżmu grassroots ma jaħdimx hekk. U lanqas l-esej. Għalkemm fl-esej jiena nużah l-ewwel persuna; m’iniex wieħed minn dawk li niddejjaq mill-pronom. Nużah anzi, għaliex nuża l-ewwel persuna mhux biex nistabbilixxi lili nnifsi bħala elevat imma, anzi, għax l-unika ħaġa li nista’ ngħid b’ċertezza hija dwar l-ewwel persuna u mbagħad jekk dak li qed ngħid japplika lil hinn, tajjeb. Imma mhux ħa nassumiha minn qabel. Jekk fil-kitba inkun qiegħed nitqabad ma’ din l-arroganza, l-attiviżmu jtini l-antidotu, il-bilanċ. Għalkemm inħobb ngħid li l-esej huwa dwari, fil-fatt huwa dwar l-influwenzi tiegħi, dwar il-fatturi li infurmawni. L-esejiżmu li jinteressani huwa dak li jiftaħ, li huwa dwar il-jien li, waqt li qed tiktbu huwa diġà plurali, il-jien immultiplikat. Bħall-attiviżmu. Għax l-attiviżmu jmur lil hinn mill-idea tal-jien attivist. L-attiviżmu qawwi u sabiħ għaliex huwa esperjenza li tiftħek u ġġiegħlek tinduna li l-esperjenza tal-grupp qed iġġibek xi ħaġa oħra. Jekk qed nemmen fit-trasformazzjoni soċjali u politika, dik ħa tinvolvi trasformazzjoni individwali, u daqstant ieħor il-kitba. L-esej għalija huwa trasformattiv litteralment għax jiena naf li dil-kitba tibdilni b’mod radikali u b’mod profond ħafna fuq livell importantissimu. L-“essayer” huwa dan. Jiġifieri anki jekk qed nikteb fuq il-passat, dan mhux biex naqbdu bħal ritratt, b’mod l-iktar preċiż, lanqas xejn. L-esej qed jaqbad il-proċess, huwa proċesswali fih innifsu. Inħossu jirrifletti ħafna l-l-proċess veru li nkun għaddej minnu jiena u nikteb. Għalija l-esejiżmu huwa eżerċizzju personali, dak li Foucault u oħrajn isejħulu askēsis. Mhux askēsis fejn tirrinunzja lilek innifsek (jiġifieri l-axxetiżmu, kif imbagħad evolviet il-kelma) imma axxetiżmu bħala eżerċizzju li jħalli l-innifsi jittrasforma, jifforma, kultant idewwi. Biex tittrasforma u tinbidel jeħtieġ li tagħmel forma ta’ paċi ma’ dak li għaddejt minnu, jew tinsieh b’mod partikolari, u dak huwa proċess formattiv u kreattiv finalment. » https://aphroconfuso.mt/kurt-borg-poddata-2026-10-12-noti-editorjali-13-kurt-borg/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • S1 · E82
    September 13 · 20 min

    Pollakki ta’ Chełmno - Glorianne Micallef

    « Fl-2024 ktibt lil Roberta Metsola, użajt dak li ħsibt li naf fuq kif jaħsbu u jaġixxu l-politikanti, stħajjiltni xi manipulatriċi prima. Kienet għadha kif ġiet rieletta fil-Parlament Ewropew u kkonfermata bħala l-President. Semmejtilha lilek, li għadek tarbija, fuq kif irrid li Metsola tkun ta’ mudell għalik ’il quddiem, bħala mara Maltija li laħqet fi rwol influwenti u influwenzat fis-sewwa. Fuq kif twaħħaxt nara, fuq X, ritratti ta’ trabi maqtulin, maħruqin, maħlulin, inkella ta’ trabi ħajjin imma b’partijiet minn ġisimhom nieqsa, jew ta’ ommijiet ħajjin, imma jixhru ’l uliedhom mejtin. Metsola weġbitni, hi jew probabbli xi ħadd mit-team tagħha. “I will always keep doing everything in my power to make you and your daughter proud.” » https://aphroconfuso.mt/glorianne-micallef-pollakki-ta-chełmno/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • S1 · E81
    September 6 · 1 min

    “siġra tal-lewż” - Jasmine Bajada

    għażiża poeta, meta nkun qed insuq u ninnota, għall-ewwel darba, is-siġar tal-lewż mogħni bil-fjur roża, inħossni nimtela — se nfur — bix-xewqa li nikteb din ix-xbieha. mhux hekk nixtiequ mill-poeżija? ... kompli aqra “siġra tal-lewż” fuq https://aphroconfuso.mt/jasmine-bajada-siġra-tal-lewż/ “siġra tal-lewż” ta’ Jasmine Bajada hija meħuda mill-ktieb tagħha Ittri lil Poeta Żagħżugħa, pubblikazzjoni Aphroconfuso 2026. It-tnedija se ssir fil-5:30pm, nhar is-Sibt, 7 ta’ Novembru 2026 fis-Sala tal-Qarrejja waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2026. Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • S1 · E80
    August 24 · 23 min

    Fejn Ħallejtha r-Rota Meta Ħrabt? - Karl Schembri

    « L-immaġni tar-raġel bir-rota baqgħet f’moħħi għal snin twal mindu pproċessajtha u kienet ippubblikata. Meta faqqgħet il-gwerra fuq l-Ukrajna, reġgħet feġġet lura f’moħħi b’iżjed qawwa. X’sar minnu dal-proxxmu bla isem? Fejn mar bir-rota, dat-teżor żgħir imħolli lilu f’nofs dil-ħerba? U kienet proprju din l-immaġni f’moħħi meta ktibt “Fejn ħallejtha r-rota meta ħrabt?” X’sar minnu dar-raġel, u hemm xi ħadd li jimpurtah? Il-ġenerożità lejn ir-refuġjati Ukreni filwaqt li l-Ewropa tkompli tibni l-ħitan tal-fortizza kontra kulħadd, tfakkarna fil-barbariżmu tal-mexxejja tagħna. B’din il-poeżija, u l-oħrajn kollha miġbura hawn, ridt infakkar lill-mexxejja tagħna f’dan ir-raġel anonimu miexi bir-rota, li jista’ jmut bħala konsegwenza tad-deċiżjonijiet tagħhom. » Ir-ritratti msemmija f’dan ix-xogħol jinsabu fuq il-website. https://aphroconfuso.mt/karl-schembri-fejn-ħallejtha-r-rota-meta-ħrabt-/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • S1 · E79
    July 24 · 1 min

    Siġra bil-Frott - Nathan Anthony Pace

    Din il-poeżija hija reazzjoni għall-pittura Fruit Tree ta’ Harold Ancart f’wirja dwar Milton Avery u l-influwenza tiegħu fuq artisti kontemporanji. https://aphroconfuso.mt/nathan-anthony-pace-siġra-bil-frott/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • S1 · E78
    July 21 · 28 min

    Distanzi Twal - Jean Paul Borg

    « L-esklussività tad-dinja tal-baħar fissret solitudni aktar intensa, u aktar kemm ikun fond aktar tintensifika. Il-baħar baxx, il-qiegħ tista’ tmissu b’saqajk speċjalment fil-bidu ta’ xi bajja, jistieden lin-nies, jagħmlu aktar aċċessibbli, kważi kważi anki jekk ma tafx tgħum. Għandu element ta’ frivolità, huwa parti minn bajja, jistieden il-logħob bil-ballun, taf ukoll li tista’ ddawwar denbek xħin trid u ssib ruħek fuq l-art, soda. Saħansitra tista’ tieħu r-ritratti bil-mobile mingħajr ma xxarrbu għax tista’ ma tintelaqx fih. Ix-xemx tibqa’ għaddejja sal-qiegħ, il-baħar jinħass aktar ċar, jibqa’ trasparenti, u fih m’hemmx wisq fejn tistaħba. Lanqas tista’ timmaġina x’hemm taħtek, kollox mikxuf. Ma jħallilekx misteru. Lanqas biża’. Il-baħar fond, imbagħad, jippermetti l-ikħal jintensifika, u jilgħab il-logħba ta’ kuluri differenti bejn saff u ieħor. Iċekknek, u maċ-ċkunija tiżdied il-vulnerabbiltà. Fil-baħar fond, ċkejken, b’malja, goggles u arloġġ, tmur lura għal sens ta’ primittività. Kważi nud, kważi b’xejn. Il-mobile tħallih warajk. Il-kuntatt jinqatagħlek. Titgħaddas fl-ilma, issir parti minnu, issir suġġett għall-elementi, imqar żiffa taffettwak. Il-baħar, daqskemm żaqqu ratba, af xi drabi jrid jimlieha. Imma dal-ħsieb jibdel l-għawm f’logħba ta’ nkejja miegħu, u fl-istess ħin rispett. Meta titgħaddas fih trid iċċedi lilek innifsek għalih. Jekk jinqala’ intopp mhux se ċċempel; ma tistax iġġib taxi jekk tegħja, lanqas tista’ tordna flixkun ilma jekk jaqbdek l-għatx. Jerġa’ kif tkun, orizzontali flok vertikali, kważi ma tista’ ġġorr xejn miegħek. Sa ħwejġek li kont liebes qabel inżilt isiru vulnerabbli. Tħallihom warajk fuq ix-xatt, lil hinn minnek. La tmur lura taf ma ssibhomx. Fil-baħar, inti u hu biss. » https://aphroconfuso.mt/jean-paul-borg-distanzi-twal/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • S1 · E77
    July 14 · 59 min

    Bur Mgħeż (tnedija) - Omar N’Shea

    « Nassoċja dawn il-postijiet mal-istejjer tan-nies, mal-attivitajiet tan-nies, u bdejna nisimgħu dawn l-istejjer fuq il-barriera stess. Waqt l-okkupazzjoni tal-militar Ingliż f’din il-barriera kien ukoll qed isir ix-xogħol tas-sess. Allura ħafna mit-tfal tal-lokal kienu jiġu mbeżżgħa biex ma jmorrux ’l hemmhekk u bdew jinbtu ħafna stejjer dwar l-erwieħ illi jinstemgħu jgħajtu billejl. Kulħadd għandu dawn l-assoċjazzjonijiet vera koroh u vera negattivi mal-post. Però mbagħad ovvjament bdejna nisimgħu l-istejjer ta’ min jgħidilna li splodiet bomba, li speċi waqt il-gwerra tefgħu bomba. U ta’ min jgħidilna, le, isma’, hemmhekk kien jintuża bħala bomb dump u waħda mill-bombi kienet ħaditilhom. Allura kelli ħafna mistoqsijiet. U bil-mixi fiżiku fil-pajsaġġ kif ukoll bil-mixi tar-riċerka bdejt nipprova nsolvi dawn il-mistoqsijiet. Ċerti affarijiet fil-fatt baqgħu misteri kważi sal-aħħar minuta u fil-verżjonijiet li huma ppubblikati online kien għad ma kellniex ċerti indizzji li ġew wara, u li issa qegħdin fil-ktieb. » It-tnedija ta’ Bur Mgħeż saret fit-3 ta’ Lulju 2026 fl-Imsida Bastion Cemetery, Beltissebħ. https://aphroconfuso.mt/kotba-omar-nshea-bur-mgħeż/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • S1 · E76
    June 17 · 1 hr

    Noti Editorjali: Ryan Falzon

    « Karozza ibrida hija newtrali. L-ibridu bla ħoss, l-ibridu ma tistax tbagħbas fih. Bl-ibridu x’tagħmel? Tista’ twaħħallu sticker mit-Temu mal-ġenb. Jiġifieri ma tantx tista’ eżattament tagħmlu tiegħek bħalma stajt iġġib spanner u tiftaħ il-karburatur tal-magna tal-karozza li għadek kif ġibt u tara x’jiġri. Jiġifieri hemm ħafna inqas intrużjoni fuq il-karozzi l-ġodda. Biss, qegħdin naraw nies illi kibru ossessjonament jilagħbu logħob, bħal GTA, li jigglorifika l-kultura tal-karozzi ħafna iktar minn kemm aħna konna noħolmu, fid-disgħinijiet, li ħa nixtru l-famuż Escort. Il-kultura tal-karozzi sabet modi oħra kif tinfilsa u kif tinfiltra, u forsi anka meta tara ċertu aċċidenti spettakolari li seħħew dan l-aħħar żmien fit-toroq tagħna, qishom ġejjin minn video game. Mhux qed ngħidu żewġ ġuvintur li kienu qed isuqu u daħlu ġo arblu. Hemm ħafna iktar manuvrar ukoll ġej mill-fatt li l-karozzi llum il-ġurnata huma ħafna iktar kumplessi: l-ispeed li jitla’ fi żmien qasir ħafna huwa eċċezzjonali. Ovvjament, għalkemm għandek element elettroniku, xorta hemm metodu ta’ kif wieħed jista’ jagħmel ir-remapping u kif jista’ jestendi s-saħħa tal-magna. Modi dejjem ikun hemm, sempliċiment mhux daqshekk aċċessibbli għal kulħadd. Irid ikollok ħafna iktar technical know-how. Mhijiex sempliċiment ejja nbagħbsu ftit mal-magna u mbagħad naraw x’jiġri. Trid tkun taf iktar x’qed tagħmel, toħodha għand xi ħadd illi jaf x’inhu jagħmel. Qisu l-element DIY, għalkemm għadu hemm, mhuwiex daqshekk possibbli daqskemm kien b’magni ħafna iktar sempliċi. » https://aphroconfuso.mt/ryan-falzon-poddata-2026-06-17-noti-editorjali-12-ryan-falzon/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • S1 · E76
    June 12 · 1 hr 13 min

    Jisimni Gianna - Loranne Vella

    « Dwar il-korla tan-nannu ma’ wliedu sirt naf ħafna wara, wara li ommi mietet, meta z-ziju beda jiftaħ qalbu miegħi dwar it-tfulija tiegħu kull meta kont nistaqsih biex jiddeskrivili kif kienet ħajjithom meta kienu żgħar biex ikolli iktar ma’ xiex niggranfa ladarba ma stajtx nitkellem iżjed m’ommi. Irrakkuntali dwar id-dixxiplina iebsa li kellu missieru fuqu, dwar is-swat, l-umiljazzjoni, il-kliem kattiv. Għarrafni bi mġiba li waħħxitni għax m’għaraftx kif nista’ ngħaqqad l-istampa li dejjem kelli tan-nannu, li kien ifissed fina n-neputijiet u jittrattana ta’ prinċipessi u prinċpijiet, jixtrilna l-ħelwa tat-Tork u l-perlini kkuluriti kull meta kien jitla’ sal-Belt imbagħad jiġi d-dar iżurna, jew meta konna nqattgħu l-ġranet tal-festi għand in-nanniet u jsajrilna l-imbuljuta jew il-kokotina. Kien ix-xbieha li kont naħseb li għandu kulħadd ta’ nannuh. Imma qatt ma ppruvajt naħseb fih bħala missier huwa u jrabbi ’l uliedu fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin, fi żmien il-bumbardamenti tal-gwerra, l-ewwel mit-Taljani mbagħad mill-Ġermaniżi, u l-biża’ mill-ġuħ fil-bidu tal-erbgħinijiet meta ommi kien għad kellha erba’ snin. Dawn l-istejjer li beda jgħidli z-ziju qatt ma kienet irrakkuntathomli ommi, avolja nimmaġina li hemm kienet tkun, jekk mhux fl-istess kamra żgur li fl-istess dar, meta nannuwi kien jerfa’ idu fuq ħuha jekk jaħsel jidhirlu li t-tifel għolla leħnu miegħu jew sfidah, meta kien jagħtih daqqtejn ċinturin kif xieraq fuq kuxxtejh, meta kien jgħajru u jobżoqlu f’wiċċu, lil ibnu stess, biex jurih x’jiġri meta iben lil missieru ma jurihx ir-rispett mistħoqq. » https://aphroconfuso.mt/loranne-vella-jisimni-gianna/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • S1 · E75
    June 6 · 1 hr 2 min

    Noti Editorjali: Jimmy Grima

    Jimmy Grima jitkellem ma’ Joe Gatt, waqt din l-edizzjoni ta’ Noti Editorjali, dwar it-traġitt tiegħu mit-teatru għall-esej, dwar ir-riċerka għal xogħol performattiv, kif ukoll għal kitba esejistika u għal dik akkademika. Ukoll dwar it-traġitt tiegħu mit-teatru f’Malta għal dak fin-Netherlands u issa għal darb’oħra lura Malta bħala parti mill-kollettiv Rubberbodies. Jimmy jitkellem ukoll dwar l-importanza tal-memorji fir-riċerka li jagħmel, kemm dawk li jinsabu bħala kitbiet fl-arkivji u wkoll dawk li jinżammu ħajjin fit-tifkiriet tan-nies. Jgħid kif ħafna drabi jibda minn dawk li huma l-eqreb tiegħu, ġieli mill-membri tal-familja tiegħu u mbagħad jimraħ dejjem iktar ’il barra b’mod li fir-riċerka tiegħu jkollu minn tal-inqas żewġ timelines, il-personali u l-komunitarju. https://aphroconfuso.mt/jimmy-grima-poddata-2026-06-07-noti-editorjali-11-jimmy-grima/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • S1 · E74
    May 16 · 1 hr 4 min

    Qarn (taħdita) - Romeo Roxman Gatt

    Fit-23 ta’ April, fiċ-Ċentru għall-Kultura, Edukazzjoni u Informazzjoni f'Ħ’Attard, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ktieb kellna taħdita dwar Qarn ta’ Romeo Roxman Gatt, li din is-sena qed jiġi meqjus għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fil-kategorija tal-letteratura mhux fittizja. Jiddiskutu dan il-ktieb waqt is-serata kien hemm Joe Gatt, Kurt Borg u Omar N'Shea. Niki Young immodera. Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • S1 · E73
    April 13 · 1 hr 8 min

    Travi taċ-Ċedru Saqaf taċ-Ċipress (tnedija) - Loranne Vella

    Beverly Agius f’taħdita ma’ Loranne Vella waqt it-tnedija tar-rumanz Travi taċ-Ċedru Saqaf taċ-Ċipress li saret fl-10 ta’ April fil-kwartieri tal-Friends of the Earth Malta. https://aphroconfuso.mt/kotba-loranne-vella-travi-taċ-Ċedru-saqaf-taċ-Ċipress/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • S1 · E72
    April 4 · 15 min

    Travi taċ-Ċedru Saqaf taċ-Ċipress (silta) - Loranne Vella

    Travi taċ-Ċedru Saqaf taċ-Ċipress se jiġi ppubblikat fl-10 ta’ April 2026. It-tnedija se ssir fis-7pm fil-kwartieri tal-Friends of the Earth Malta, Xatt iċ-Ċangatura, il-Furjana. Ordna l-ktieb minn fuq il-website u ejja iġbru waqt it-tnedija. F’nofs ħajjitha, mara titlaq mill-belt bi ħsibijietha u b’tifkirietha. Tmur lura s-snin ta’ ħajjitha, u s-snin kollha tal-ġnien li darha nbniet fuqu, sakemm dan ma jkunx biżżejjed u pass wara pass, riġlejha joħduha fuq pellegrinaġġ tul ix-xmajjar u qalb is-siġar u l-ħxejjex. Travi taċ-Ċedru Saqaf taċ-Ċipress jirrakkonta t-tfittxija għall-maqdes u għall-masġar li ġie qablu, il-mixi fit-tul taħt id-dawl tax-xemx u tal-qamar hi u tfittex pajjiż il-Kukkanja ’l bogħod mill-bliet. Irrid ngħallimni t-triq għall-ħelsien. Nerħi minn fuq spallejja għal mal-art sorra ħwejjeġ ma jiġunix u nimxi ’l hemm. Li nsib f’idi filgħodu rrid narah jaħrabli ftit ftit minn bejn is-swaba’ sa filgħaxija mingħajr tberrin li forsi l-għada se jirnexxili naħfen inqas jew xejn. Mix-xejn irrid insawwar festa. Inbattal u nwessa’, niftaħ għall-arja u nnaqqas mit-toqol. Il-ħafif aħjar mit-tqil, il-wisa’ aħjar mid-djuq, ħaġa nieqsa tferraħni iktar minn ħaġa żejda għax it-tbissim ma jimxix id f’id mat-tiġmigħ u l-ħżin. Ma rrid xejn ħlief il-ħelsien minn kollox. Ħielsa m’iniex, ilsira bla ma naf mit-twelid. Iderruni nibla’ s-semm tas-servitù sa ma nieqaf intiegħem l-imrar, minn jeddi nitlob għal iktar, nistħajjilni xxurtjata li għandi x’nixrob biex naqta’ l-għatx. Irrid ngħallimni nobżoq dil-morra, ngħallimni nfittex il-ħlewwa minflok. Irrid inqum u nitlaq. Inqum fuq saqajja u nimxi. Pass pass. Travi taċ-Ċedru Saqaf taċ-Ċipress huwa r-raba’ rumanz ta’ Loranne. Għal tnejn mir-rumanzi preċedenti tagħha, Rokit u Marta Marta, rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb . It-tnedija se ssir fis-7pm fil-kwartieri tal-Friends of the Earth Malta, Xatt iċ-Ċangatura, il-Furjana. L-eqreb waqfiet tal-linja huma Sarrija u Floriani A, B, C. Ordna l-ktieb u ejja iġbru waqt it-tnedija. Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • S1 · E71
    January 28 · 40 min

    Noti Editorjali: Nathan Anthony Pace

    « Naħseb li r-reliġjon hija t-tieni lingwa tiegħi, illum. Il-Malti, imbagħad ir-reliġjon. ’Qas l-Ingliż. Għax nikbru fihom, u tant kont involut fil-Mużew. Kienet esperjenza pożittiva ħafna għalija. L-allużjonijiet bibliċi, pereżempju t-teoloġija, il-morali, id-duttrina, id-dommatika, dawn l-affarijiet nafhom u nitkellem bihom. Ix-xbihat noħodhom mir-reliġjon anki fil-kitba letterarja tiegħi. Noħodhom mir-reliġjon ħafna drabi u narahom li jartikolaw esperjenza kemm reliġjuża kif ukoll sekulari u esperjenza korporja. Jiġifieri għalija r-reliġjon hija lingwa oħra li jien fluwenti fiha daqskemm jien fluwenti fil-Malti. Kien hemm żmien kont inħossni apatetiku, speċi la nemmen li eżisti Alla u lanqas ma nemminx, għax qisu ma jinteressanix, imma mbagħad erġajt ġejt Malta wara l-Islovakkja u kumbinazzjoni rġajt iltqajt mar-reliġjon fil-forma ta’ dramm dwar David u Ġonatan u għedt, dil-istorja vera tolqotni, speċi fl-istorja vera hemm jien fiha. U għedt ħa nipprova, u qisu dħalt għar-reliġjon, imma kien avviċinament ġdid, li nitgħallem iktar dwar il-Bibbja. Kif sibt f’“nonfoħ fil-kustilja allużjonijiet ġodda” ftit xhur qabel, għax dak iż-żmien kont qed naħseb fuq il-Bibbja, il-Bibbja dejjem hija sors ta’ ispirazzjoni għalija, sors ta’ xbihat, sors ta’ figuri illi internalizzajniehom, u li għalhekk jiksbu għalina sinifikat emottiv qawwi. Jien naħseb li sakemm toħroġ mill-elementi l-ħżiena tar-reliġjon, mill-kundizzjonament, meta titgħallem toħroġ minnhom u tavviċina r-reliġjon minn perspettiva oħra titgħallem ħafna ħafna iżjed u titgħallem dwar ir-reliġjon ukoll. Jiena avviċinajt ir-reliġjon mill-ġdid minn perspettiva queer u femminista, perspettiva ekoloġika, għax kelli dan l-isfond f'moħħi. Allura nista’ naviċina r-reliġjon mod ieħor. Nista’ ngħix ir-reliġjon b’mod queer, b’mod immedjat. » https://aphroconfuso.mt/nathan-anthony-pace-poddata-2026-01-28-noti-editorjali-10-nathan-anthony-pace/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • S1 · E70
    January 22 · 42 min

    Noti Editorjali: Miriam Galea

    « Inħoss li għandi approċċ sensorjali ħafna jiġifieri mhux ħa nippjana wisq minn qabel imma nsegwi l-istint. Pjuttost proċess awtomatist. Fit-teatru tbegħidt ftit mill-iscripts li titgħallem u tagħmel quddiem in-nies, u mort iktar lejn teatru li jinbena minn proċess ta’ improvizzazzjoni li mbagħad toħloq performance minnu, u l-istess approċċ għandi għall-kitba u għall-arti. Nipprova nsegwi l-proċess u mhux nippjana minn qabel x'se jsir. Inħalli lili nnifsi nispira ruħi minn x'joħroġ waqt li qed naħdem. F’dak is-sens, iva, imbagħad jirriżulta ferm iktar imġissem. » https://aphroconfuso.mt/miriam-galea-poddata-2026-01-22-noti-editorjali-9-miriam-galea/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  • S1 · E69
    January 13 · 34 min

    Noti Editorjali: Nicole Borg

    « Dak inqisu l-punt tat-tluq tar-riċerka tiegħi, il-problema li hawn bħalissa bl-iżgumbrament tal-bdiewa, jiġifieri din hija xi ħaġa li bdiet primarjament minn żmien il-Covid. Qisha faqqset dak iż-żmien però issa qed naraw li qed tikkalma ftit is-sitwazzjoni. Il-bdiewa litteralment qed jiġu żgumbrati minn arthom biex jinħoloq post għal żvilupp. Din tbeżżagħni ħafna. Nafu sew li l-prezzijiet tal-art agrikola hawn Malta huma m'ogħla s-sema, huma ftit mill-ogħla, jekk mhux l-ogħla, fl-Ewropa. U nafu sew li aħna gżira żgħira, l-insularità tinħass f'kulma nagħmlu. Fl-ikel donna nħossuha ftit imma donnha għadha ma waslitx fejn għandha tasal. Il-fatt li l-art agrikola kuljum qed tonqos u tonqos mhux talli qed iżidilna d-dipendenza fuq pajjiżi oħrajn li jipprovdulna l-ikel tagħna imma qed inaqqas mill-possibbiltà li nistinkaw u niddiskutu s-sovranità tal-ikel. Is-sigurtà u s-sovranità jaħdmu flimkien però mhumiex neċessarjament dipendenti fuq xulxin. Għandhom jiġu kkunsidrati bħala żewġ kunċetti differenti, jiġifieri l-fatt li m'aħniex konxji li art agrikola ma tantx fadlilna, jew il-fatt li mhux qed ikollna dil-konverżazzjoni iktar fit-tul jew iktar fil-wisa'... Hawnhekk jidħol il-kunċett tas-sovranità. Li jkun hemm bżonn li tinnova jew li tadatta l-identità tal-ikel tiegħek hija coping mechanism, fis-sens hija xi ħaġa li għandna obbligu li nagħmlu għax, jekk ħa nibqgħu sejrin hekk, ir-rabta li għandna mal-ikel iktar u iktar se tkompli tintilef. Jiġifieri, fuq livell ta’ individwu nerġa' ngħid, hija l-inqas ħaġa li nistgħu nagħmlu, nibnu relazzjoni mal-bdiewa tagħna u ngħidulhom, isma', aħna hawn qegħdin, nafu minn xiex intom għaddejjin u nismgħukom qegħdin... Ovvjament fuq livell iktar għoli, fuq livell ta' policy, din il-ħaġa trid tiġi indirizzata b'mod li jolqot oqsma differenti, il-kultura, l-ilma, il-wirt, x'naf jiena. Però, ma nixbax ngħidha, ibnu relazzjoni mal-bdiewa tagħkom kellmuhom. Qattgħu l-ħin magħhom, ħudu kafѐ magħhom, u minn hemm vera nkunu nistgħu nifhmu l-ikel x'inhu, l-ikel tagħna x'inhu, l-identità tagħna x'inhi, u fejn sejjer dan kollu. Ovvjament dan id-diskors hemm marbut miegħu d-diskors tas-saħħa, kemm is-saħħa tagħna, li tiddependi ħafna minn minn dak li nieklu, kif ukoll is-saħħa tal-art—jekk l-art hija fertili, qed tħaddimha, qed tkabbarha, qed iżżommha b'saħħitha u tista' tibqa' b'saħħitha għall-futur. » https://aphroconfuso.mt/nicole-borg-poddata-2026-01-13-noti-editorjali-8-nicole-borg/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

Showing 1–20 of 28 episodes