
SALM 24
24 (23). Id-daħla trijonfali ta' l-arka fit-tempju [S:24:1] Salm ta' David. Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha, id-dinja u kull ma jgħix fiha. [S:24:2] Għax hu fuq l-ibħra waqqafha, u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha. [S:24:3] Min jista' jitla' fuq l-għolja tal-Mulej, min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu? [S:24:4] Min għandu idejh indaf u qalbu safja, min ma jagħtix ruħu għall-frugħa, u anqas ma jaħlef bil-qerq. [S:24:5] Dan ikollu barka mingħand il-Mulej, u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu. [S:24:6] Dan hu n-nisel ta' dawk li jfittxuh; li jfittxu 'l wiċċek, Alla ta' Ġakobb. [S:24:7] Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta' dejjem, ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja! [S:24:8] Min hu dan is-Sultan tal-glorja? Hu l-Mulej setgħan u qawwi, il-Mulej qawwi fit-taqbida. [S:24:9] Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta' dejjem, ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja! [S:24:10] Min hu dan is-Sultan tal-glorja? Hu l-Mulej ta' l-eżerċti: dan hu s-Sultan tal-glorja!